Ħarsa Ġenerali

Id-Direttorat għall-Kultura jilqa’ applikazzjonijiet minn artisti internazzjonali [li ma jgħixux Malta] biex jibbenefikaw minn programm ta’ Artist in Residency u jiżviluppaw xogħolhom f’Malta għal massimu ta’ xahar, bejn l-1 ta’ Ottubru u l-5 ta’ Diċembru 2025. It-tema tal-Artist in Residency għall-2025, Pax Kultura, għandha l-għan li toħloq pjattaforma ta’ riflessjoni, innovazzjoni u konnessjoni bejn dixxiplini artistiċi differenti, bil-għan ewlieni li tinħoloq spazju ta’ laqgħa bejn l-arti, il-kultura u l-paċi.

Is-sejħa hija miftuħa għal artisti stabbiliti kif ukoll dawk emerġenti li għandhom mill-inqas sentejn esperjenza ppruvata fil-qasam tagħhom. Il-baġit totali ta’ €30,000 hu maħsub għal massimu ta’ sitt artisti.

Il-Programm Artist in Residence 2025 jimmira biex jippromwovi lil Malta bħala ċentru innovattiv artistiku u permezz ta’ kollaborazzjonijiet artistiċi differenti jikkontribwixxi direttament għal fehim usa’ tal-kultura u jgħin biex tiżdied il-viżibilità tagħha u r-rwol tagħha fil-promozzjoni tad-djalogu, id-demokrazija u l-paċi. Is-sejħa tilqa’ parteċipazzjoni minn artisti minn reġjuni differenti, b’mod partikolari minn pajjiżi b’istorja reċenti ta’ kunflitt armat u/jew instabbiltà politika li kienet ta’ impatt ħażin fuq xogħolhom u l-libertà tal-espressjoni tagħhom.

Il-proġett sottomess għandu jilħaq dawn l-għanijiet:

  • Riflessjoni: dwar ir-rwol ta’ kollaborazzjonijiet artistiċi biex tiġi promossa kultura ta’ paċi li tmur lil hinn mill-assenza ta’ kunflitt armat, lejn eżistenza armonjuża matul iż-żmien u l-ispazju.
  • Innovazzjoni: proċess kreattiv, mhux konvenzjonali u li jixpruna l-ħsieb, b’riżultat artistiku uniku u li jħalli impatt fit-tul.
  • Konnessjoni: tiżviluppa u ssaħħaħ kollaborazzjonijiet u żvilupp professjonali bejn artisti internazzjonali u xena artistika lokali.

Għal mistoqsijiet jew aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq [email protected] jew ċemplilna fuq +356 2090 8997.

Id-data tal-għeluq għal din is-sejħa hija 4 ta’ Lulju 2025.

Ikklikkja hawn biex tniżżel il-linji gwida u ikklikkja hawn biex tapplika.